It-Tnejn, 30 ta’ Ġunju 2008

Lulju... ix-xahar tal-Madonna tal-Karmnu

Tlett xhur matul is-sena għandhom dedika partikolari Marjana.

Mejju, ix-xahar tal-fjuri u l-aktar xahar sabiħ tar-Rebbiegħa, hu meqjus bħala x-xahar tal-Madonna u matulu niċċelebraw il-Festa Titulari ta’ Marija Annunzjata. Imbagħad Ottubru hu meqjus bħala x-xahar tar-Rużarju ta’ Marija waqt li Lulju għandu rabta speċjali mal-Madonna tal-Karmnu.

Fil-Knisja Parrokkjali tagħna, bħal bosta knejjes oħrajn, insibu mwaqqaf artal dedikat lill-Madonna tal-Karmnu meqjuma bħala Refuġju ta’ l-Erwieħ mill-Purgatorju. Dan l-artal twaqqaf wara li fl-1723 ingħalqu l-bibien tal-kappelluni li kellha l-Knisja oriġinalment.

Fuq l-artal tqiegħed kwadru sabiħ li juri lill-Madonna tal-Karmnu bejn San Filippu Neri u Sant’ Antnin ta’ Padova u bl-Erwieħ tal-Purgatorju fin-naħa t’isfel, xogħol il-pittur Franċiż Enrico Reynaud. Aktar tard imbagħad żdied sotto-kwadru li juri lill-Madonna tad-Dawl u Sant’Inazju ta’ Loyola.

Matul is-Seklu 18 dan l-artal kien imżejjen bi skultura barokka mill-isbaħ b’għadd ta’ qaddisin skolpiti fil-ġebel fosthom il-figuri ta’ San Xmun Stokk u San Elija, il-padruni ta’ l-Ordni Karmelitan.

Fit-tieni nofs tas-Seklu 19 il-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Tarxien laħqitha l-id qerrieda tal-moviment tan-Nazzareni li, bi skuża ta’ dehra ġdida u biex tissaħħaħ l-istruttura tal-bini, wasslet biex qerdet l-iskultura barokka kollha li kienet iżżejjen il-Knisja, fosthom dik madwar l-artal tal-Karmnu.

Aktar tard dan il-kappellun beda jissejjaħ bħala ‘tad-Duttrina’ wara li tqiegħed sotto-kwadru ġdid taħt il-kwadru prinċipali fuq l-artal li juri lill-Madonna ‘Tron ta’ l-Għerf’ xogħol Pietro Gagliardi.

Ir-rabta bejn San Pawl u Ħal Tarxien

L-għeruq Pawlini f’Ħal Tarxien immoru lura fiż-żmien.

Jingħad fost l-oħrajn li l-Appostlu Pawlu, matul il-waqfa tiegħu f’Malta, għadda minn Ħal Tarxien fejn ħalla wkoll il-fidi fi Kristu fost l-abitanti ta’ l-inħawi. Il-leġġenda tgħid li dakinhar l-aħbar tal-fidwa minn San Pawl f’Ħal Tarxien saħansitra laqħqet widnejn iż-Żwieten.

F’dan l-istess post aktar tard mal-medda taż-żmien twaqqfet niċċa tal-ġebel bil-figura ta’ l-Appostlu, l-istess niċċa li għad hemm illum fi Triq il-Kbira.

Din l-idea ta’ San Pawl f’Ħal Tarxien żviluppha wkoll il-Kan. Dun Ġwakkin Schembri fil-paniġierku li kien niseġ fil-Festa Titulari ta’ Marija Annunzjata fl-1985. Schembri kien ġab quddiem għajnejh lil San Pawl jippriedka lit-Tarxiniżi u warajh San Luqa jirrakkontalhom mill-Evanġelu tiegħu r-rakkont tat-Tħabbira tal-Mulej.

Il-probabiltà hi li din il-leġġenda wasslet biex aktar tard f’Misraħ is-Suq inbnew żewġ knejjes filjali żgħar dedikata lil San Pawl u lil San Luqa flimkien ma’ oħra dedikata lil San Nikola. Dawn it-tlett knejjes jissemmew fil-Vista Pastorali li Mons Pietru Duzina għamel fl-1575.

Aktar tard, fl-1610, dawn it-tlett knejjes filjali kellhom jinħattu biex minflokom tibda tinbena l-Knisja Parrokkjali preżenti. San Pawl għalhekk spiċċa tilef il-Knisja li kellu iżda x-xbieha tiegħu flimkien ma’ dik ta’ San Luqa kienu nkorporati fl-ewwel kwadru titulari tal-Lunzjata li sar għall-ħabta ta’ l-1627.

Il-kwadru titulari nbidel maż-żmien u San Pawl tilef postu mill-kwadru titulari, iżda xorta waħda baqa’ tifkira tiegħu f’bassoriljev skulturat fil-ġebel li jinsab moħbi wara l-kwadru tas-Sagra Familja fuq l-artal ta’ San Ġużepp.

Il-Ħadd, 29 ta’ Ġunju 2008

Fuq il-Passi ta’ Missierna San Pawl

Għal din l-okkazzjoni specjali l-Isqfijiet Maltin ħarġu Ittra Pastorali bit-tema ‘Fuq il-Passi ta’ Missierna San Pawl’.

L-Ittra sħiħa tista’ tinqara fis-sit ta’ l-Arċidjoċesi Maltija http://www.maltadiocese.org/page.aspx?p=1356&l=2&id=319.

(Ir-ritratt juri statwa tad-deheb ta’ San Pawl, li flimkien ma’ statwa oħra ta’ San Pietru, ntramat bejn il-gandlieri fuq l-Artal Bażilikali taħt it-Tribuna Papali fil-Bażilika Vatikana ta’ San Pietru, nhar il-festa tal-Appostli Pietru u Pawlu 2008.)

Tiftaħ is-Sena Pawlina

Proprju llum, Festa tal-Martirju ta’ l-Appostli Pietru u Pawlu, fetħet is-Sena Pawlina fl-okkazzjoni tat-Tieni Millenju mit-twelid ta’ l-Appostlu tal-Ġnus.

Il-ftuħ tas-Sena Pawlina sar mill-Papa Bendeittu XVI fil-Bażilika ta’ San Paolo fuori le mura f’Ruma, waqt li f’Malta sar fil-Katidral ta’ l-Imdina u fil-Kolleġjata Pawlina tar-Rabat.

Is-Sena Pawlina qed tkun iċċelebrata fil-Knisja Kattolika kollha b’mod universali fid-dinja kollha.

F’Malta dawn il-festi qed jieħdu xejra speċjali peress li kien San Pawl li ġab fostna t-tagħlim ta’ Kristu u għammed lil pajjiżna f’wieħed nisrani.

Il-Ġimgħa, 27 ta’ Ġunju 2008

Il-Festa Titulari mil-Lenti Tagħkom... l-Ewwel Ritratti

L-ewwel ritratti diġa bdew deħlin, ftit minuti wara l-appell tagħna.

Ħajr lil Adrian Theuma, Kaxxier ta’ l-Għaqda tan-Nar San Gabriel, li għaddielna dawn ir-ritratti li juru l-purċissjoni bl-Istatwa Titulari ta’ Marija Annunzjata, waqt li għaddejja minn quddiem il-Każin ta’ l-Għaqda Mużikali Marija Annunzjata fi Triq Paola, u l-aħħar mumenti tal-‘Marċ ta’ l-Anġlu’ f’Misraħ is-Suq quddiem il-Knisja, nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Mejju.





Il-Festa Titulari mill-Lenti Tagħkom

Kull min għandu xi ritratti tal-Festa Titulari ta’ Marija Annunzjata 2008 u jixtieq jaqsamhom magħna jista’ jagħmel dan billi jibgħathom f’dan l-indirizz elettroniku: lunzjatatarxien@gmail.com.

Grazzi minn issa lil dawk li se jibgħatu xi ritratti.

Ħarsa lura u oħra ’l quddiem

Il-Festa Titulari ta’ Marija Annunzjata ġiet u marret u diġa għadda xahar. Għall-grazzja t’Alla u t’Ommna Marija kollox għadda b’wiċċ il-ġid u nistgħu ngħidu li għal darb’oħra l-Festa f’Ħal Tarxien fetħet l-istaġun tal-festi bil-kbir.

Sa minn issa nbdew il-preparamenti għall-Festa Titulari 2009 li se tkun iċċelebrata l-Ħadd 24 ta’ Mejju.
Għalhekk minn issa awguri lil kull min hu nvolut fil-ħidma b’risq il-festa.

Intant irridu nibdew ukoll it-tħejjijiet għall-Festi Ċentinarji li se nkunu qed niċċelebraw sentejn oħra fl-2010: 400 sena mill-bidu tal-bini tal-Knisja Parrokkjali (rikors 5 ta’ Mejju 1610) u 100 sena mindu l-Parroċċa tagħna saret Matriċi (bit-twaqqif tal-Parroċċa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù f’Raħal Ġdid f’Lulju 1910).

Dawn se jkunu festi speċjali għall-Parroċċa tagħna u għall-komunità parrokkjali kollha u għalhekk irridu nibdew naħsbu għalihom minn issa biex jerġa’ jkollna programm vast ta’ ċelebrazzjonijiet kif sar fl-1992 meta għalaqna 400 sena Parroċċa.

Ir-ritratti t’hawn taħt bla dubju se jfakkruna fil-mumenti sbieħ tal-ħruġ tal-purċissjoni tal-Lunzjata fil-25 ta’ Mejju li għadda, u żgur li se jħeġġuna biex naħdmu aktar bil-qalb għas-sena d-dieħla u dik ta’ warajha.