It-Tnejn, 25 ta’ Awwissu 2008

Il-Festa ta’ San Bert f’Ħal Tarxien


Il-bieraħ 24 ta’ Awwissu, kienet iċċelebrata il-festa tal-Martirju ta’ San Bartilmew Appostlu fil-Knisja dedikata lilu u lill-Madonna tal-Bon Kunsill, miżmuma b’għożża kbira mis-Sur Godwin Dalli, Sagristan Maġġur tal-Kon-Katidral ta’ Ġwann u iben il-mibki Sagristan ta’ Ħal Tarxien Ġużeppi.

Il-Knisja ta’ San Bartilmew Appostlu u l-Madonna tal-Bon Kunsill bdiet tinbena fit-30 ta’ April 1764, fuq pjanta ta’ l-arkitett Giuseppe Bonnici, bi flus Dun Bert Mangion li f’mewtu fit-2 ta’ Awwissu 1759, ħalla ġidu biex tinbena din il-Knisja.

Il-Knisja, li tlestiet fl-1776, hi meqjusa bħala ġawhra ta’ l-arkitettura b’xogħol fin ta’ lavur u skultura fil-ġebla Maltija. Fuq talba tal-Kappillan Dun Ġwann Psaila, il-Knisja kienet ikkonsagrata fit-30 ta’ April 1797 mill-Isqof Vincenzo Labini.

Il-kwadru titulari, li juri lil San Bartilmew Appostlu u lill-Madonna tal-Bon Kunsill fil-parti ta’ fuq, hu xogħol ukoll Rokku Buhagiar. Apparti l-artal maġġur nsibu żewġ artali oħra dedikati lil Marija Addollorata u lil San Andrea minn Avvelino.

Dun Bert Mangion jinsab midfun f’nofs il-Knisja wara li nġieb mill-Knisja Parrokkjali fl-14 ta’ Marzu 1776, akkompanjat mill-kleru u l-poplu ta’ Ħal Tarxien, kif hu stess kien ħalla fit-testment.

Il-Knisja hi miżmuma b’għożża kbira u tilqa’ fiha ta’ kuljum lill-Ewkaristija għall-espożizzjoni tas-Santissimu Sagrament.

L-Erbgħa, 20 ta’ Awwissu 2008

Illum jibda t-Tridu ta’ San Bert


Illum l-Erbgħa 20 ta’ Awwissu jingħata bidu għat-Tridu bi tħejjija għall-festa ta’ l-Appostlu San Bartilmew, fil-Knisja dedikata lilu u lill-Madonna tal-Bon Kunsill f’Ħal Tarxien.
Fis-6.30 pm tingħad it-talba tar-Rużarju u fis-7 pm tibda Quddiesa bl-omelija għat-tfal tal-Parroċċa. Wara tingħad il-Kurunella lil San Bert u Ċelebrazzjoni Ewkaristika.
Għada l-Ħamis 21 ta’ Awwissu, it-Tieni Jum tat-Tridu, għall-Quddiesa bl-omelija huma mistiedna l-koppji miżżewġin waqt li għall-Quddiesa tat-Tielet Jum tat-Tridu, il-Ġimgħa 22 ta’ Awwissu, huma mistiedna l-Għaqdiet Reliġjużi u Soċjali fir-raħal.
Is-Sibt 23 ta’ Awwissu, Lejliet il-Festa, fid-9.30 am Quddiesa Kantata li fi tmiemha jitkanta t-Te Deum. Mistiedna speċjali huma l-anzjani tal-Parroċċa. Fis-6 pm Qrar minn konfessur barrani u fis-6.45 pm Translazzjoni tar-Relikwa u wara Għasar Solenni u Quddiesa.
Il-Ħadd 24 ta’ Awwissu, Jum il-Festa. Fit-8 am Għasar u wara Quddiesa. Fis-6.30 pm Għasar u fis-7 pm Quddiesa Solenni mmexxijja mill-E.T. Mons Ġużeppi Mercieca, Arċisqof Emeritus ta’ Malta. Jinseġ il-Paniġierku Patri Pawl Galea O.F.M. Wara Antifona, Ċelebrazzjoni Ewkaristika u Bews tar-Relikwa.

It-Tlieta, 19 ta’ Awwissu 2008

Santa Marija f’Ħal Tarxien

Il-Gimgha 15 ta’ Awwissu, il-Knisja Kattolika ċċelebrat is-Solennità tat-Tlugħ fis-Sema tal-Beata Verġni Marija.

F’Ħal Tarxien din il-festa kienet ċelebrata b’għożża kbira fil-Knisja ta’ Santa Marija tar-Rokna li għal sena oħra ntramat għall-okkażjoni tal-festa minn Gużeppi Fabri u ibnu Raymond.

Il-Knisja ta’ Santa Marija tar-Rokna tmur lura għall-1415, mibnija mill-armla ta’ Gentile Azzopardi jisimha Duminka, li għanietha b’xi renti, fi żmien l-Isqof Antonio di Platamone.

Il-forma tal-Knisja, kif nafuha llum b’koppla ottagonali, saret bejn l-1729 u l-1737 waqt li l-faċċata tagħha nbniet mill-ġdid fl-1909 bi flus Dun Franġisk Penza. Dun Franġisk żejjinha b’żewġ kampnari u bejniethom statwa tal-ġebel li turi lil Santa Marija, xogħol Franceso Faure.


Il-Knisja għandha żewġ artali. L-artal maġġur għandu titular mpitter minn Rokku Buhagiar fl-1771 bi prospettiva mill-isbaħ mirquma fil-ġebla Maltija. L-artal l-ieħor hu dedikat lill-Madonna tar-Rużarju bi kwadru antik li juri lill-Verġni Marija bil-Bambin jagħtu r-Rużarju Mqaddes lil San Duminku u Santa Katerina.
Dun Franġisk Penza, li semmejna aktar ’il fuq, ħalla lil din il-Knisja Kurċifiss ta’ l-avorju meqjum f’niċċa ta’ l-injam li fuqha tidher l-arma tal-Familja Penza.
Dari f’din il-Knisja kien hemm bosta kwadri żgħar tal-pittura magħmula b’wegħda lill-Madonna. Minn dawn fadal biss żewġ kwadri ‘ex-voto’ li huma xhieda tad-devozzjoni antika li missirijietna, partikolarment in-nies tal-baħar fil-port tal-Marsa, kellhom lejn Santa Marija tar-Rokna.
F’nofs il-Knisja jinsab midfun wieħed mill-akbar benefatturi tagħha, Lorenzo Bugeja, li miet fid-19 ta' Marzu 1800.
Aktar ’il quddiem hu mistenni li jinbeda r-restawr strutturali ta’ din il-Knisja ferm għal qalb it-Tarxiniżi li jqimu lil Marija bħala l-Omm tagħhom.

Is-Sibt, 9 ta’ Awwissu 2008

Santa Marija u San Bert

Dan ix-xahar Ħal Tarxien jiċċelebra żewġ festi fi tnejn mill-knejjes żgħar tiegħu: il-Festa tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija fil-Knisja ta’ Santa Marija tar-Rokna u l-Festa ta’ San Bartilmew Appostlu fil-Knisja dedikata lilu u lill-Madonna tal-Bon Kunsill.

Dawn il-festi jiġu ċelebrati fil-15 u fl-24 ta’ Awwissu rispettivament.

Aktar dettalji ’l quddiem.

Il-Ħamis, 7 ta’ Awwissu 2008

Ir-Restawr tal-Calì


Wara li aktar kmieni din is-sena, eżattament ftit jiem qabel il-Festa Titulari ta’ Marija Annunzjata, tlesta r-restawr fuq l-affresk tal-lemin fil-Kor tal-Knisja Parrokkjali, issa jmiss li jinbeda x-xogħol fuq l-affresk tan-naħa l-oħra, it-tnejn xogħol il-pittur Giuseppe Calì.

S’issa ntramat l-ewwel parti ta’ l-iscafolding li fuqu se jkunu jistgħu jitilgħu r-restawraturi tal-koperattiva tar-restawr Recoop li kienu fdati wkoll bir-restawr ta’ l-affresk l-ieħor. L-ewwel affresk li kien restawrat juri l-Adorazzjoni tal-Maġi, waqt li issa jmiss ir-restawr tal-Ħarba lejn l-Eġittu, it-tnejn saru fl-1895.

Ir-restawr seta’ jkun possibli grazzi għall-ġenerożità tal-Familja Bonavia li qed tagħmel tajjeb finanzjarment biex ikun jista’ jitwettaq dan ix-xogħol.