Il-Ħadd, 13 ta’ Lulju 2008

Il-Madonna ‘Tron ta’ l-Għerf’

Fil-Parroċċa tagħna jinsabu mwaqqfin ħames fratellanzi.

L-eqdem fosthom, dik tas-Ssmu. Sagrament u dik tal-Madonna tar-Rużarju Mqaddes, twaqqfu fl-1597 fil-Knisja l-antika tal-Lunzjata li kienet tinsab fl-inħawi ‘tal-barrani’, fejn illum hemm wieqfa niċċa kbira tal-ġebel dedikata lil-Lunzjata.

Wara dawn twaqqfu l-fratellanzi tal-Madonna taċ-Ċintura u tal-Kunċizzjoni u aktar tard il-Kongregazzjoni tal-Madonna tad-Duttrina.

B’hekk f’Ħal Tarxien, apparti l-Festa Titulari ta’ Marija Annunzjata bħala Padruna tal-Parroċċa, jiġu ċelebrati erba’ festi oħrajn: Corpus Domini ċelebrat Ħadd fuq it-Trinità Qaddisa; il-Madonna tar-Rużarju Mqaddes fl-ewwel Ħadd ta’ Ottubru; il-Madonna taċ-Ċintura fl-ewwel Ħadd ta’ Settembru, il-Kunċizzjoni fit-8 ta’ Diċembru u l-Madonna tad-Duttrina ċelebrata Ħadd fuq is-16 ta’ Lulju.

Minn dawn baqgħu jiġu ċelebrati s-Solennità tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej u l-Madonna tar-Rużarju Mqaddes bħala festi tal-komunità parrokkjali, bis-sehem tal-fratellanzi kollha tal-Parroċċa, u l-festa tal-Madonna tad-Duttrina, meqjuma fil-Litanija tal-Madonna bħala ‘Tron ta’ l-Għerf’, bis-sehem tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina.

Din is-sena l-Festa tal-Madonna tad-Duttrina se tkun ċelebrata nhar il-Ħadd 20 ta’ Lulju. Il-festi jiftħu bl-ewwel jum tat-Tridu nhar il-Ħamis, 17 ta’ Lulju, b’quddiesa bil-priedka minn Patri Alex Cauchi OSA. Il-Ġimgħa u s-Sibt ikomplu bit-tieni u t-tielet jiem tat-Tridu.

Imbagħad il-Ħadd 20 ta’ Lulju quddiesa fid-9.00am u purċissjoni fis-7.00pm.

No comments: